31 episodes

Il-podcast tal-ġurnal letterarju Aphroconfuso. L-isem ġej mill-ewwel deskrizzjoni stampata li għandna tan-nies li kienu jgħixu fil-gżejjer Maltin, Insulae Melitae Descriptio ta’ Jean Quintin, Lyon 1536: “Siculo sunt homines ingenio, Aphro confuso: ad praelia parum fortes & commodi.” In-nies huma ta’ karattru Sqalli, imħallat mal-Afrikan, mhumiex mibnija għall-ġlied, u ma jinqalgħux għalih. L-isem huwa rilevanti iktar bħala sintomu milli bħala xi aġenda speċifika. Nuru kunfidenza u kurżità dwar l-identità Maltija fuq orizzonti ġodda lil hinn mill-binarji klassiċi ta’ Malti/Ingliż u Malti/Taljan. Konxji wkoll mill-fatt li l-Malti issa sar jintuża minn barranin li ġew joqogħdu Malta u li b’hekk qed jinħolqu orizzonti interni għall-ilsien Malti u nisperaw li fil-futur, bħala ġurnal, nibdew niskopruhom ukoll.
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

Aphroconfuso Aphroconfuso

    • Arts
    • 5.0 • 1 Rating

Il-podcast tal-ġurnal letterarju Aphroconfuso. L-isem ġej mill-ewwel deskrizzjoni stampata li għandna tan-nies li kienu jgħixu fil-gżejjer Maltin, Insulae Melitae Descriptio ta’ Jean Quintin, Lyon 1536: “Siculo sunt homines ingenio, Aphro confuso: ad praelia parum fortes & commodi.” In-nies huma ta’ karattru Sqalli, imħallat mal-Afrikan, mhumiex mibnija għall-ġlied, u ma jinqalgħux għalih. L-isem huwa rilevanti iktar bħala sintomu milli bħala xi aġenda speċifika. Nuru kunfidenza u kurżità dwar l-identità Maltija fuq orizzonti ġodda lil hinn mill-binarji klassiċi ta’ Malti/Ingliż u Malti/Taljan. Konxji wkoll mill-fatt li l-Malti issa sar jintuża minn barranin li ġew joqogħdu Malta u li b’hekk qed jinħolqu orizzonti interni għall-ilsien Malti u nisperaw li fil-futur, bħala ġurnal, nibdew niskopruhom ukoll.
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    Likantropi - Davinia Hamilton

    Likantropi - Davinia Hamilton

    « Xi tfajliet imorru jaraw x’sar, u ma jiġux lura. Tmur oħra, imbagħad oħra. Imbagħad immorru lkoll kemm aħna, rassa sħiħa, kulħadd xhud. Is-sink sewwewh. Il-grouting tal-madum wara s-sink jidher iktar abjad u ġdid minn tal-madwar. Dan l-uniku sinjal tat-traġedja. Nitla’ fuq ponot subgħajja biex nara t-tiswija jien ukoll. Kollox ileqq. Hawn riħa ta’ plastik u affarijiet ġodda. Ix-xebbiet kollha jqarrsu wiċċhom. Ħadd ma jlissen kelma, imma nisma’ n-nifs li qed nieħdu, sinkronizzat. Nisma’ l-polz iħabbat f’rasi, demmi, ir-ritmu ta’ ġismi. Nisma’ l-istess ritmu fit-tfajla ta’ maġenbi. L-istess ritmu f’kull tfajla. »
    https://aphroconfuso.mt/davinia-hamilton-likantropi/
    * Din l-istorja tittratta temi ta’ abbuż u mġiba awtodistruttiva.

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    • 20 min
    Noti Editorjali: Noah Fabri

    Noti Editorjali: Noah Fabri

    « Dawn il-proċessi kollha huma xi ħaġa li tinteressani peress li ovvjament huma assoċjati aktar man-nisa, max-xogħol tan-nisa, li ma tistax tikkapitalizzah. Jiġi kkapitalizzat, imma l-bażi tiegħu mhix il-kreazzjoni tal-valur, il-valur tiegħu mhux ekonomiku imma huwa soċjali. Qiegħed biex tirriproduċi s-soċjetà, jew tħaddan ’in-nies, biex tieħu ħsiebhom. Dak huwa l-valur prinċipali ta' dan it-tip ta' xogħol. Allura nieħu gost nuża dat-tip ta' xogħol meta nkun qed naħdem fuq proġetti artistiċi. Nieħu gost nagħmilhom waqt li nkun qed nitkellem ukoll fuq il-ġeneru. Meta għamilt Huma Min Huma? kont qed inħit libsa u nitkellem speċifikament fuq il-pronomi. Għal Insalata għamilt insalata waqt li tkellimt fuq ir-relazzjoni tiegħi mal-ikel u l-ġeneru, il-preżentazzjoni u l-ħsieb tiegħi marbut mal-ikel u l-ġeneru. Jiġifieri dejjem kien hemm dawk l-ideat. Anki fil-kitba, meta nkun qed nikteb, dejjem nidħol fid-dettall fuq l-ikel, fuq is-sensi, fuq l-affarijiet effimeri tal-ħajja ta' kuljum. Jiġu anka mill-istudji tiegħi tal-Antropoloġija, li vera tiffoka fuq il-ħajja ta' kuljum, u vera l-ħajja ta' kuljum iġġibha maġika. U dik xi ħaġa li dejjem pruvajt nagħmel għax għalija l-ħajja ta' kuljum hija maġika speċjalment f'postijiet fejn il-kapitaliżmu ma tantx jirnexxilu jippenetra. Għalhekk ukoll vera nidħol fuq is-sensi, fuq il-proċessi tal-ġisem. U li l-karattri jkunu konxji mill-ġisem tagħhom, x'qed jagħmlu fl-ispazju u dawn l-affarijiet kollha li l-loġika assoċjata mal-patrijarkat ma tagħtix kashom, għalija huma l-aktar affarijiet importanti fil-ħajja tal-bniedem. »
    Waqt din it-taħdita Noah ssemmi There Are More Things ta’ Yara Rodrigues Fowler, u DIY as Privilege ta’ Richard Phoenix.
    https://aphroconfuso.mt/noah-fabri-poddata-2024-05-11-noti-editorjali-5-noah-fabri/

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    • 1 hr 10 min
    Bur Mgħeż #4: Ħallejt it-tebut għal ġisimha biss - Omar N’Shea

    Bur Mgħeż #4: Ħallejt it-tebut għal ġisimha biss - Omar N’Shea

    « Poġġa fit-tarf tal-wita jħares ’l isfel, radam ta’ ġebel imrembel mal-għargħar tal-ilma li eluf ta’ snin ilu niżel minn Ħad-Dingli għall-port tal-Marsa, iħares lejn il-marki ta’ tidwir u rrumblar fl-uċuħ tal-ġnub tal-wied u l-għerien, l-għelieqi u l-imnasab, jonfoħ fis-suffara li kien qed ilesti u qalli: hawn kienu jgħixu d-deffiena ta’ Bur Mgħeż. »
    Ħajr lil Maria Giuliana Fenech għall-għajnuna tagħha fit-traslitterazzjoni ta’ ismijiet mill-Grieg Antik. L-epigrafu huwa meħud mill-ġabra Raxx tas-Silenzju, 2012. Notes of a Naturalist in the Nile Valley and Malta ta’ Andrew Leith Adams kien ippubblikat minn Edmundson and Douglas ta’ Edinburgh fl-1870. Għal dan l-esej ikkonsultajt il-“Museum Annual Reports” disponibbli mis-sit tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti. Ikkonsultajt ukoll it-teżi tad-dottorat ta’ Leila C. D’Souza, “An endemic radiation of deer in the Late Pleistocene of Malta”, disponibbli mis-sit tal-Università ta’ Bristol, it-tieni volum ta’ Zammit of Malta: His Times, Life and Achievements ta’ Roger Ellul Micallef ippubblikat mill-Allied Publications fl-2013; l-ewwel volum tal-Proġett FRAGSUS bit-titlu Temple Landscapes: Fragility, Change and Resilience of Holocene Environments in the Maltese Islands ta’ Charles French, Chris O. Hunt, Reuben Grima, Rowan McLaughlin, Simon Stoddart u Caroline Malone, ippubblikat mill-McDonald Institute for Archaeological Research fl-2020 u disponibbli mis-sit tal-Universita ta’ Cambridge; Red Coats and Wild Birds: How Military Ornithologists and Migrant Birds Shaped Empire ta’ Kirsten A. Greer, UNC Press 2020. Trechmann kiteb dwar ir-riċerka tiegħu f’Malta fl-ewwel ħarġa tal-75 volum tal-Geological Magazine 1938. Dwar l-istess suġġett ikkonsultajt ukoll “Quaternary Environments and Biogeography of the Maltese Islands” ta’ Christopher O. Hunt u Patrick J. Schembri li deher f’Facets of Maltese Prehistory, Anton Mifsud u Charles Savona Ventura, edituri, pubblikazzjoni Prehistoric Society of Malta 1999 u disponibbli hawn. Mix-xogħol ta’ George Zammit-Maempel ikkonsultajt Pioneers of Maltese Geology, pubblikazzjoni P.E.G. 1989, u “The Earliest ‘Treatise’ on Maltese Fossils” f’Melita Historica 8, 1981.
    https://aphroconfuso.mt/omar-nshea-bur-mgħeż-4-ħallejt-it-tebut-għal-ġisimha-biss/


    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    • 1 hr 33 min
    Il-Kliem fit-Teorija (taħdita)

    Il-Kliem fit-Teorija (taħdita)

    “Il-Kliem fit-Teorija” kienet taħdita li saret fil-21 ta' Marzu 2024 waqt il-festival Kampus Kotba, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. It-taħdita kienet it-tnedija ta’ proġett bl-istess isem fuq il-ġurnal.
    Termini fil-ħsieb kontemporanju malajr isibu ruħhom fid-diskors kulturali u politiku mingħajr ma jkun sar ingaġġament mar-raġunijiet għalfejn nużaw lilhom flok oħrajn. Meta niktbu bl-istess lingwa li biha naqraw, faċli nużaw dal-kelmiet mingħajr ma nirriflettu wisq fuqhom. Iżda meta niktbu bil-Malti, id-diffikultà tat-traduzzjoni tista’ ssir privileġġ: tagħtina l-opportunità ningaġġaw mill-qrib mat-termini qabel indaħħluhom fil-lingwa tagħna. “Il-Kliem fit-Teorija” huwa proġett fejn kittieba u speċjalisti jiddiskutu t-traduzzjoni fil-Malti ta’ kliem fil-ħsieb kontemporanju. Il-kelliema kienu Aaron Aquilina, Noah Fabri u Omar N’Shea.
    « Il-filosofija mhijiex sempliċiment ġabra ta’ termini, u t-traduzzjoni tal-filosofija mhijiex biss it-traduzzjoni ta’ dawk it-termini. Iżda l-kelmiet speċjalizzati jakkumulaw tifsiriet kumplessi u jekk naqbdu nużawhom mingħajr ħsieb, qisu m’għandhomx l-istorja tagħhom, inkunu qed naħluhom. Inkunu qed nużawhom biss bħala kantaliena, bħalma darba konna nitolbu bl-amment, mingħajr responsabbiltà lejn dak li qed ngħidu, mingħajr ma nħalluhom isawruna mill-ġdid. Kull kelma hi kuntratt ta’ tifsir u meta niġu biex naqilbuha fi lsienna, dak huwa l-aqwa mument biex nippruvaw nifhmu aħjar dak li qed nippruvaw ngħidu biha. »
    https://aphroconfuso.mt/il-kliem-fit-teorija/
    Peress li kien hemm ħafna attività fil-festival, kellna nipproċessaw ir-recording biex inneħħu l-istorbju mill-isfond, u għaldaqstant f'xi waqtiet il-kwalità tal-vuċijiet mhix għolja daqs is-soltu.

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    • 50 min
    Bur Mgħeż #3: Qegħedtha ġo qabar fuq l-Għolja tal-Ħorr - Omar N’Shea

    Bur Mgħeż #3: Qegħedtha ġo qabar fuq l-Għolja tal-Ħorr - Omar N’Shea

    F’din il-parti, Omar jibda mill-metodi tal-arkeoloġija sakemm jgħaddi għall-mezzi li nużaw bħala bnedmin biex niftakru ’l qrabatna, kemm biex nibqgħu magħhom u kemm biex nerħulhom f’idejn iż-żmien, “il-proċessi soċjali, fiżiċi u ontoloġiċi li bihom il-ħajjin jittrasformaw il-ġisem bla ħajja fil-ġisem mejjet”. Il-metodu xjentifiku li tuża l-arkeoloġija moderna hija l-istratigrafija, tħaffir tat-trinek li jħalluna naraw is-saffi li jserrħu wieħed fuq l-ieħor taħt saqajna.
    Noti: Ħajr lill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u lill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta. L-epigrafu ta’ Tarċisju Zarb huwa meħud minn “Ir-Raġel tal-Glielez”. Il-kitba ta’ C. J. Farrugia, “L-Imqabba fis-Sekli Dsatax u Għoxrin u t-Twaqqif tal-Partiti” fil-ktieb Sicut Lilium: devozzjoni u ritwal tul is-sekli, editjat minnu stess kien ppubblikat fl-Imqabba mis-Soċjeta Mużikali Madonna tal-Ġilju fl-2012.
    https://aphroconfuso.mt/omar-nshea-bur-mgħeż-3-qegħedtha-ġo-qabar-fuq-l-għolja-tal-ħorr/

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    • 1 hr 7 min
    Noti Editorjali: Kurt Borg

    Noti Editorjali: Kurt Borg

    « Dan il-proġett tal-esejs għalija huwa proġett ta’ memorja li l-pandemija tefgħetni fih. Jiġifieri l-pandemija, forsi kif esperjenzaha wkoll ħaddieħor, jien esperjenzajtha b’ċertu żlugar. Żlugar mill-ordinarju. Għaliex? Għax kollox ġie żlugat. Il-ħajja tagħna, għal ħafna nies il-post fejn jgħixu, il-mod kif jgħixu, ix-xogħol, kollox ġie maqtugħ mill-ordinarju. Dak il-qtugħ ħafna nies esperjenzawh bħala trawma, ma nixtieqx inxejjen minn dan, kien hemm ħafna mewt fl-arja, u ħafna nies esperjenzawh b’uġigħ. Oħrajn esperjenzawh b’forma ta’ libertà stramba u libertà ġdida li f’daqqa waħda “għandi ħafna iktar ħin” jew “għandi ħafna iktar ħin id-dar”. Wieħed mill-ħsibijiet li kien ikolli fil-pandemija—naf inqum, saru l-għaxra, fejn is-soltu nkun l-uffiċċju jew xi mkien u qiegħed id-dar—u ngħid id-dawl tax-xemx fuq din il-mejda qatt ma rajtu b'dan il-mod, dak it-tip ta’ ħsibijiet, għax qatt ma nkun id-dar dak il-ħin. Jew qed inħoss il-kamra differenti, jew inkella anka qed immur mixja. Kont maqtugħ mir-rutina. Ġieli kien ikun stramb dan, u ġieli kien idejjaqni, ovvjament, għax kien hemm ħafna stress, ħafna ansjetà u inċertezza. Imma daqstant ieħor kelli bżonn dik il-qatgħa biex lili titfagħni f’ċerta żona fejn ċerti memorji reġgħu bdew ifuru. Jew ċerti emozzjonijiet minn ġo fija erġajt bdejt inħosshom b'ċerta intensità, b’ċerta luċidità. U ħassejt dak kien mument esejistiku għalija. Kien f’dan l-ispirtu li dort lejn l-esej għax xtaqt naqbad xi ħaġa minni nnifsi u mid-dinja li bdejt inħoss li ħa titlaq għal dejjem. »
    Waqt it-taħdita ma’ Kurt, jissemmew La volonté de savoir (Histoire de la sexualité, I)
    ta’ Michel Foucault, pubblikazzjoni Éditions Gallimard, 1976;
    My Struggle [Min kamp] ta’ Karl Ove Knausgård, Harvill Secker 2012 u This Life: Secular Faith and Spiritual Freedom ta’ Martin Hägglund, pubblikazzjoni Penguin Random House 2019. Jissemma wkoll l-esej “Il-motif tal-ilma fil-lirika ta’ Gioele Galea” ta’ Bernard Micallef. Mix-xogħol ta’ Kurt stess jissemmew “On friendship and mourning the death of a friend : reading Brodu’s debut album” (antae 2017), “The Unconfessable Remains Unconfessed: Reading Gender, Mourning, and Relationality in ‘In the Name of the Father (and of the Son)’ through the Work of Judith Butler” f’Jiena [X']Jien? Is-Suġġett fin-Narrattiva Kontemporanja Maltija, Stephen Bonanno, editur, pubblikazzjoni Klabb kotba Maltin 2019. “On the Interface between Philosophy and the Essay: Foucault’s Essayistic Ethos” f’The Edinburgh Companion to the Essay, Mario Aquilina, Bob Cowser, Jr, u Nicole B. Wallack, edituri, pubblikazzjoni Edinburgh University Press 2022. Jissemma wkoll Xi Tfisser Tkun Bniedem, editjat minn Kurt Borg u Robert Farrugia, pubblikazzjoni Horizons 2023. Sens ta’ Ħarifa ta’ Kurt Borg se jiġi ppubblikat minn Klabb Kotba Maltin iktar tard din is-sena.

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    • 1 hr 2 min

Customer Reviews

5.0 out of 5
1 Rating

1 Rating

Top Podcasts In Arts

Frank Delaney's Re: Joyce
Frank Delaney
מדברים מהבטן
יהונתן כהן, עמית אהרנסון ונטע סלונים
Catholic Bible Study
Augustine Institute
Glad We Had This Chat with Caroline Hirons
Wall to Wall Media
The Bright Side
iHeartPodcasts and Hello Sunshine
Le Cours de l'histoire
France Culture