Aphroconfuso

Aphroconfuso

Il-podcast tal-ġurnal letterarju Aphroconfuso. L-isem ġej mill-ewwel deskrizzjoni stampata li għandna tan-nies li kienu jgħixu fil-gżejjer Maltin, Insulae Melitae Descriptio ta’ Jean Quintin, Lyon 1536: “Siculo sunt homines ingenio, Aphro confuso: ad praelia parum fortes & commodi.” In-nies huma ta’ karattru Sqalli, imħallat mal-Afrikan, mhumiex mibnija għall-ġlied, u ma jinqalgħux għalih. L-isem huwa rilevanti iktar bħala sintomu milli bħala xi aġenda speċifika. Nuru kunfidenza u kurżità dwar l-identità Maltija fuq orizzonti ġodda lil hinn mill-binarji klassiċi ta’ Malti/Ingliż u Malti/Taljan. Konxji wkoll mill-fatt li l-Malti issa sar jintuża minn barranin li ġew joqogħdu Malta u li b’hekk qed jinħolqu orizzonti interni għall-ilsien Malti u nisperaw li fil-futur, bħala ġurnal, nibdew niskopruhom ukoll. Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  1. 5d ago

    Distanzi Twal - Jean Paul Borg

    « L-esklussività tad-dinja tal-baħar fissret solitudni aktar intensa, u aktar kemm ikun fond aktar tintensifika. Il-baħar baxx, il-qiegħ tista’ tmissu b’saqajk speċjalment fil-bidu ta’ xi bajja, jistieden lin-nies, jagħmlu aktar aċċessibbli, kważi kważi anki jekk ma tafx tgħum. Għandu element ta’ frivolità, huwa parti minn bajja, jistieden il-logħob bil-ballun, taf ukoll li tista’ ddawwar denbek xħin trid u ssib ruħek fuq l-art, soda. Saħansitra tista’ tieħu r-ritratti bil-mobile mingħajr ma xxarrbu għax tista’ ma tintelaqx fih. Ix-xemx tibqa’ għaddejja sal-qiegħ, il-baħar jinħass aktar ċar, jibqa’ trasparenti, u fih m’hemmx wisq fejn tistaħba. Lanqas tista’ timmaġina x’hemm taħtek, kollox mikxuf. Ma jħallilekx misteru. Lanqas biża’. Il-baħar fond, imbagħad, jippermetti l-ikħal jintensifika, u jilgħab il-logħba ta’ kuluri differenti bejn saff u ieħor. Iċekknek, u maċ-ċkunija tiżdied il-vulnerabbiltà. Fil-baħar fond, ċkejken, b’malja, goggles u arloġġ, tmur lura għal sens ta’ primittività. Kważi nud, kważi b’xejn. Il-mobile tħallih warajk. Il-kuntatt jinqatagħlek. Titgħaddas fl-ilma, issir parti minnu, issir suġġett għall-elementi, imqar żiffa taffettwak. Il-baħar, daqskemm żaqqu ratba, af xi drabi jrid jimlieha. Imma dal-ħsieb jibdel l-għawm f’logħba ta’ nkejja miegħu, u fl-istess ħin rispett. Meta titgħaddas fih trid iċċedi lilek innifsek għalih. Jekk jinqala’ intopp mhux se ċċempel; ma tistax iġġib taxi jekk tegħja, lanqas tista’ tordna flixkun ilma jekk jaqbdek l-għatx. Jerġa’ kif tkun, orizzontali flok vertikali, kważi ma tista’ ġġorr xejn miegħek. Sa ħwejġek li kont liebes qabel inżilt isiru vulnerabbli. Tħallihom warajk fuq ix-xatt, lil hinn minnek. La tmur lura taf ma ssibhomx. Fil-baħar, inti u hu biss. » https://aphroconfuso.mt/jean-paul-borg-distanzi-twal/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  2. Jun 17

    Noti Editorjali: Ryan Falzon

    « Karozza ibrida hija newtrali. L-ibridu bla ħoss, l-ibridu ma tistax tbagħbas fih. Bl-ibridu x’tagħmel? Tista’ twaħħallu sticker mit-Temu mal-ġenb. Jiġifieri ma tantx tista’ eżattament tagħmlu tiegħek bħalma stajt iġġib spanner u tiftaħ il-karburatur tal-magna tal-karozza li għadek kif ġibt u tara x’jiġri. Jiġifieri hemm ħafna inqas intrużjoni fuq il-karozzi l-ġodda. Biss, qegħdin naraw nies illi kibru ossessjonament jilagħbu logħob, bħal GTA, li jigglorifika l-kultura tal-karozzi ħafna iktar minn kemm aħna konna noħolmu, fid-disgħinijiet, li ħa nixtru l-famuż Escort. Il-kultura tal-karozzi sabet modi oħra kif tinfilsa u kif tinfiltra, u forsi anka meta tara ċertu aċċidenti spettakolari li seħħew dan l-aħħar żmien fit-toroq tagħna, qishom ġejjin minn video game. Mhux qed ngħidu żewġ ġuvintur li kienu qed isuqu u daħlu ġo arblu. Hemm ħafna iktar manuvrar ukoll ġej mill-fatt li l-karozzi llum il-ġurnata huma ħafna iktar kumplessi: l-ispeed li jitla’ fi żmien qasir ħafna huwa eċċezzjonali. Ovvjament, għalkemm għandek element elettroniku, xorta hemm metodu ta’ kif wieħed jista’ jagħmel ir-remapping u kif jista’ jestendi s-saħħa tal-magna. Modi dejjem ikun hemm, sempliċiment mhux daqshekk aċċessibbli għal kulħadd. Irid ikollok ħafna iktar technical know-how. Mhijiex sempliċiment ejja nbagħbsu ftit mal-magna u mbagħad naraw x’jiġri. Trid tkun taf iktar x’qed tagħmel, toħodha għand xi ħadd illi jaf x’inhu jagħmel. Qisu l-element DIY, għalkemm għadu hemm, mhuwiex daqshekk possibbli daqskemm kien b’magni ħafna iktar sempliċi. » https://aphroconfuso.mt/ryan-falzon-poddata-2026-06-17-noti-editorjali-12-ryan-falzon/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    Noti Editorjali: Ryan Falzon
  3. Jun 12

    Jisimni Gianna - Loranne Vella

    « Dwar il-korla tan-nannu ma’ wliedu sirt naf ħafna wara, wara li ommi mietet, meta z-ziju beda jiftaħ qalbu miegħi dwar it-tfulija tiegħu kull meta kont nistaqsih biex jiddeskrivili kif kienet ħajjithom meta kienu żgħar biex ikolli iktar ma’ xiex niggranfa ladarba ma stajtx nitkellem iżjed m’ommi. Irrakkuntali dwar id-dixxiplina iebsa li kellu missieru fuqu, dwar is-swat, l-umiljazzjoni, il-kliem kattiv. Għarrafni bi mġiba li waħħxitni għax m’għaraftx kif nista’ ngħaqqad l-istampa li dejjem kelli tan-nannu, li kien ifissed fina n-neputijiet u jittrattana ta’ prinċipessi u prinċpijiet, jixtrilna l-ħelwa tat-Tork u l-perlini kkuluriti kull meta kien jitla’ sal-Belt imbagħad jiġi d-dar iżurna, jew meta konna nqattgħu l-ġranet tal-festi għand in-nanniet u jsajrilna l-imbuljuta jew il-kokotina. Kien ix-xbieha li kont naħseb li għandu kulħadd ta’ nannuh. Imma qatt ma ppruvajt naħseb fih bħala missier huwa u jrabbi ’l uliedu fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, fi żmien il-bumbardamenti tal-gwerra, l-ewwel mit-Taljani mbagħad mill-Ġermaniżi, u l-biża’ mill-ġuħ fil-bidu tal-erbgħinijiet meta ommi kien għad kellha erba’ snin. Dawn l-istejjer li beda jgħidli z-ziju qatt ma kienet irrakkuntathomli ommi, avolja nimmaġina li hemm kienet tkun, jekk mhux fl-istess kamra żgur li fl-istess dar, meta nannuwi kien jerfa’ idu fuq ħuha jekk jaħsel jidhirlu li t-tifel għolla leħnu miegħu jew sfidah, meta kien jagħtih daqqtejn ċinturin kif xieraq fuq kuxxtejh, meta kien jgħajru u jobżoqlu f’wiċċu, lil ibnu stess, biex jurih x’jiġri meta iben lil missieru ma jurihx ir-rispett mistħoqq. » https://aphroconfuso.mt/loranne-vella-jisimni-gianna/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

About

Il-podcast tal-ġurnal letterarju Aphroconfuso. L-isem ġej mill-ewwel deskrizzjoni stampata li għandna tan-nies li kienu jgħixu fil-gżejjer Maltin, Insulae Melitae Descriptio ta’ Jean Quintin, Lyon 1536: “Siculo sunt homines ingenio, Aphro confuso: ad praelia parum fortes & commodi.” In-nies huma ta’ karattru Sqalli, imħallat mal-Afrikan, mhumiex mibnija għall-ġlied, u ma jinqalgħux għalih. L-isem huwa rilevanti iktar bħala sintomu milli bħala xi aġenda speċifika. Nuru kunfidenza u kurżità dwar l-identità Maltija fuq orizzonti ġodda lil hinn mill-binarji klassiċi ta’ Malti/Ingliż u Malti/Taljan. Konxji wkoll mill-fatt li l-Malti issa sar jintuża minn barranin li ġew joqogħdu Malta u li b’hekk qed jinħolqu orizzonti interni għall-ilsien Malti u nisperaw li fil-futur, bħala ġurnal, nibdew niskopruhom ukoll. Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.