Aphroconfuso

Aphroconfuso

Il-podcast tal-ġurnal letterarju Aphroconfuso. L-isem ġej mill-ewwel deskrizzjoni stampata li għandna tan-nies li kienu jgħixu fil-gżejjer Maltin, Insulae Melitae Descriptio ta’ Jean Quintin, Lyon 1536: “Siculo sunt homines ingenio, Aphro confuso: ad praelia parum fortes & commodi.” In-nies huma ta’ karattru Sqalli, imħallat mal-Afrikan, mhumiex mibnija għall-ġlied, u ma jinqalgħux għalih. L-isem huwa rilevanti iktar bħala sintomu milli bħala xi aġenda speċifika. Nuru kunfidenza u kurżità dwar l-identità Maltija fuq orizzonti ġodda lil hinn mill-binarji klassiċi ta’ Malti/Ingliż u Malti/Taljan. Konxji wkoll mill-fatt li l-Malti issa sar jintuża minn barranin li ġew joqogħdu Malta u li b’hekk qed jinħolqu orizzonti interni għall-ilsien Malti u nisperaw li fil-futur, bħala ġurnal, nibdew niskopruhom ukoll. Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

  1. Noti Editorjali: Ryan Falzon

    17 июн.

    Noti Editorjali: Ryan Falzon

    « Karozza ibrida hija newtrali. L-ibridu bla ħoss, l-ibridu ma tistax tbagħbas fih. Bl-ibridu x’tagħmel? Tista’ twaħħallu sticker mit-Temu mal-ġenb. Jiġifieri ma tantx tista’ eżattament tagħmlu tiegħek bħalma stajt iġġib spanner u tiftaħ il-karburatur tal-magna tal-karozza li għadek kif ġibt u tara x’jiġri. Jiġifieri hemm ħafna inqas intrużjoni fuq il-karozzi l-ġodda. Biss, qegħdin naraw nies illi kibru ossessjonament jilagħbu logħob, bħal GTA, li jigglorifika l-kultura tal-karozzi ħafna iktar minn kemm aħna konna noħolmu, fid-disgħinijiet, li ħa nixtru l-famuż Escort. Il-kultura tal-karozzi sabet modi oħra kif tinfilsa u kif tinfiltra, u forsi anka meta tara ċertu aċċidenti spettakolari li seħħew dan l-aħħar żmien fit-toroq tagħna, qishom ġejjin minn video game. Mhux qed ngħidu żewġ ġuvintur li kienu qed isuqu u daħlu ġo arblu. Hemm ħafna iktar manuvrar ukoll ġej mill-fatt li l-karozzi llum il-ġurnata huma ħafna iktar kumplessi: l-ispeed li jitla’ fi żmien qasir ħafna huwa eċċezzjonali. Ovvjament, għalkemm għandek element elettroniku, xorta hemm metodu ta’ kif wieħed jista’ jagħmel ir-remapping u kif jista’ jestendi s-saħħa tal-magna. Modi dejjem ikun hemm, sempliċiment mhux daqshekk aċċessibbli għal kulħadd. Irid ikollok ħafna iktar technical know-how. Mhijiex sempliċiment ejja nbagħbsu ftit mal-magna u mbagħad naraw x’jiġri. Trid tkun taf iktar x’qed tagħmel, toħodha għand xi ħadd illi jaf x’inhu jagħmel. Qisu l-element DIY, għalkemm għadu hemm, mhuwiex daqshekk possibbli daqskemm kien b’magni ħafna iktar sempliċi. » https://aphroconfuso.mt/ryan-falzon-poddata-2026-06-17-noti-editorjali-12-ryan-falzon/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    1 ч. 1 мин.
  2. 12 июн.

    Jisimni Gianna - Loranne Vella

    « Dwar il-korla tan-nannu ma’ wliedu sirt naf ħafna wara, wara li ommi mietet, meta z-ziju beda jiftaħ qalbu miegħi dwar it-tfulija tiegħu kull meta kont nistaqsih biex jiddeskrivili kif kienet ħajjithom meta kienu żgħar biex ikolli iktar ma’ xiex niggranfa ladarba ma stajtx nitkellem iżjed m’ommi. Irrakkuntali dwar id-dixxiplina iebsa li kellu missieru fuqu, dwar is-swat, l-umiljazzjoni, il-kliem kattiv. Għarrafni bi mġiba li waħħxitni għax m’għaraftx kif nista’ ngħaqqad l-istampa li dejjem kelli tan-nannu, li kien ifissed fina n-neputijiet u jittrattana ta’ prinċipessi u prinċpijiet, jixtrilna l-ħelwa tat-Tork u l-perlini kkuluriti kull meta kien jitla’ sal-Belt imbagħad jiġi d-dar iżurna, jew meta konna nqattgħu l-ġranet tal-festi għand in-nanniet u jsajrilna l-imbuljuta jew il-kokotina. Kien ix-xbieha li kont naħseb li għandu kulħadd ta’ nannuh. Imma qatt ma ppruvajt naħseb fih bħala missier huwa u jrabbi ’l uliedu fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, fi żmien il-bumbardamenti tal-gwerra, l-ewwel mit-Taljani mbagħad mill-Ġermaniżi, u l-biża’ mill-ġuħ fil-bidu tal-erbgħinijiet meta ommi kien għad kellha erba’ snin. Dawn l-istejjer li beda jgħidli z-ziju qatt ma kienet irrakkuntathomli ommi, avolja nimmaġina li hemm kienet tkun, jekk mhux fl-istess kamra żgur li fl-istess dar, meta nannuwi kien jerfa’ idu fuq ħuha jekk jaħsel jidhirlu li t-tifel għolla leħnu miegħu jew sfidah, meta kien jagħtih daqqtejn ċinturin kif xieraq fuq kuxxtejh, meta kien jgħajru u jobżoqlu f’wiċċu, lil ibnu stess, biex jurih x’jiġri meta iben lil missieru ma jurihx ir-rispett mistħoqq. » https://aphroconfuso.mt/loranne-vella-jisimni-gianna/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    1 ч. 13 мин.
  3. Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress (silta) - Loranne Vella

    4 апр.

    Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress (silta) - Loranne Vella

    Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress se jiġi ppubblikat fl-10 ta’ April 2026. It-tnedija se ssir fis-7pm fil-kwartieri tal-Friends of the Earth Malta, Xatt iċ-Ċangatura, il-Furjana. Ordna l-ktieb minn fuq il-website u ejja iġbru waqt it-tnedija. F’nofs ħajjitha, mara titlaq mill-belt bi ħsibijietha u b’tifkirietha. Tmur lura s-snin ta’ ħajjitha, u s-snin kollha tal-ġnien li darha nbniet fuqu, sakemm dan ma jkunx biżżejjed u pass wara pass, riġlejha joħduha fuq pellegrinaġġ tul ix-xmajjar u qalb is-siġar u l-ħxejjex. Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress jirrakkonta t-tfittxija għall-maqdes u għall-masġar li ġie qablu, il-mixi fit-tul taħt id-dawl tax-xemx u tal-qamar hi u tfittex pajjiż il-Kukkanja ’l bogħod mill-bliet. Irrid ngħallimni t-triq għall-ħelsien. Nerħi minn fuq spallejja għal mal-art sorra ħwejjeġ ma jiġunix u nimxi ’l hemm. Li nsib f’idi filgħodu rrid narah jaħrabli ftit ftit minn bejn is-swaba’ sa filgħaxija mingħajr tberrin li forsi l-għada se jirnexxili naħfen inqas jew xejn. Mix-xejn irrid insawwar festa. Inbattal u nwessa’, niftaħ għall-arja u nnaqqas mit-toqol. Il-ħafif aħjar mit-tqil, il-wisa’ aħjar mid-djuq, ħaġa nieqsa tferraħni iktar minn ħaġa żejda għax it-tbissim ma jimxix id f’id mat-tiġmigħ u l-ħżin. Ma rrid xejn ħlief il-ħelsien minn kollox. Ħielsa m’iniex, ilsira bla ma naf mit-twelid. Iderruni nibla’ s-semm tas-servitù sa ma nieqaf intiegħem l-imrar, minn jeddi nitlob għal iktar, nistħajjilni xxurtjata li għandi x’nixrob biex naqta’ l-għatx. Irrid ngħallimni nobżoq dil-morra, ngħallimni nfittex il-ħlewwa minflok. Irrid inqum u nitlaq. Inqum fuq saqajja u nimxi. Pass pass. Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress huwa r-raba’ rumanz ta’ Loranne. Għal tnejn mir-rumanzi preċedenti tagħha, Rokit u Marta Marta, rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb . It-tnedija se ssir fis-7pm fil-kwartieri tal-Friends of the Earth Malta, Xatt iċ-Ċangatura, il-Furjana. L-eqreb waqfiet tal-linja huma Sarrija u Floriani A, B, C. Ordna l-ktieb u ejja iġbru waqt it-tnedija. Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    16 мин.
  4. Noti Editorjali: Nathan Anthony Pace

    28 янв.

    Noti Editorjali: Nathan Anthony Pace

    « Naħseb li r-reliġjon hija t-tieni lingwa tiegħi, illum. Il-Malti, imbagħad ir-reliġjon. ’Qas l-Ingliż. Għax nikbru fihom, u tant kont involut fil-Mużew. Kienet esperjenza pożittiva ħafna għalija. L-allużjonijiet bibliċi, pereżempju t-teoloġija, il-morali, id-duttrina, id-dommatika, dawn l-affarijiet nafhom u nitkellem bihom. Ix-xbihat noħodhom mir-reliġjon anki fil-kitba letterarja tiegħi. Noħodhom mir-reliġjon ħafna drabi u narahom li jartikolaw esperjenza kemm reliġjuża kif ukoll sekulari u esperjenza korporja. Jiġifieri għalija r-reliġjon hija lingwa oħra li jien fluwenti fiha daqskemm jien fluwenti fil-Malti. Kien hemm żmien kont inħossni apatetiku, speċi la nemmen li eżisti Alla u lanqas ma nemminx, għax qisu ma jinteressanix, imma mbagħad erġajt ġejt Malta wara l-Islovakkja u kumbinazzjoni rġajt iltqajt mar-reliġjon fil-forma ta’ dramm dwar David u Ġonatan u għedt, dil-istorja vera tolqotni, speċi fl-istorja vera hemm jien fiha. U għedt ħa nipprova, u qisu dħalt għar-reliġjon, imma kien avviċinament ġdid, li nitgħallem iktar dwar il-Bibbja. Kif sibt f’“nonfoħ fil-kustilja allużjonijiet ġodda” ftit xhur qabel, għax dak iż-żmien kont qed naħseb fuq il-Bibbja, il-Bibbja dejjem hija sors ta’ ispirazzjoni għalija, sors ta’ xbihat, sors ta’ figuri illi internalizzajniehom, u li għalhekk jiksbu għalina sinifikat emottiv qawwi. Jien naħseb li sakemm toħroġ mill-elementi l-ħżiena tar-reliġjon, mill-kundizzjonament, meta titgħallem toħroġ minnhom u tavviċina r-reliġjon minn perspettiva oħra titgħallem ħafna ħafna iżjed u titgħallem dwar ir-reliġjon ukoll. Jiena avviċinajt ir-reliġjon mill-ġdid minn perspettiva queer u femminista, perspettiva ekoloġika, għax kelli dan l-isfond f'moħħi. Allura nista’ naviċina r-reliġjon mod ieħor. Nista’ ngħix ir-reliġjon b’mod queer, b’mod immedjat. » https://aphroconfuso.mt/nathan-anthony-pace-poddata-2026-01-28-noti-editorjali-10-nathan-anthony-pace/ Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    41 мин.

Об этом подкасте

Il-podcast tal-ġurnal letterarju Aphroconfuso. L-isem ġej mill-ewwel deskrizzjoni stampata li għandna tan-nies li kienu jgħixu fil-gżejjer Maltin, Insulae Melitae Descriptio ta’ Jean Quintin, Lyon 1536: “Siculo sunt homines ingenio, Aphro confuso: ad praelia parum fortes & commodi.” In-nies huma ta’ karattru Sqalli, imħallat mal-Afrikan, mhumiex mibnija għall-ġlied, u ma jinqalgħux għalih. L-isem huwa rilevanti iktar bħala sintomu milli bħala xi aġenda speċifika. Nuru kunfidenza u kurżità dwar l-identità Maltija fuq orizzonti ġodda lil hinn mill-binarji klassiċi ta’ Malti/Ingliż u Malti/Taljan. Konxji wkoll mill-fatt li l-Malti issa sar jintuża minn barranin li ġew joqogħdu Malta u li b’hekk qed jinħolqu orizzonti interni għall-ilsien Malti u nisperaw li fil-futur, bħala ġurnal, nibdew niskopruhom ukoll. Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.